onSep 4, 2019

Qadfa 'l Fuq

L-iskala tal-Qari Gwidat

Aspetti ġenerali tal-iskala Qadfa ’l Fuq

L-azzjonijiet konjittivi li l-qarrejja jinqdew bihom waqt li jipproċessaw it-test huma simili ħafna minn livell għal ieħor. Il-qarrejja jkunu qegħdin semliċiment japplikawhom gradwalment. Il-qarrejja fil-livelli bikrin ikunu qed jaħdmu fuq il-kunċetti kumplessi fl-użu tal-kitba stampata (id-direzzjoni mix-xellug għal-lemin, it-tqabbil tal-vuċi mal-kitba, ir-relazzjoni bejn il-kelma mitkellma u dik stampata), għaldaqstant l-ipproċessar tagħhom isir bil-mod u l-imġibiet tagħhom juruna kif qed jaħdmu fuq il-kitba stampata. Dawn ikunu qed jaqraw testi b’temi familjari u b’lingwaġġ sempliċi u naturali. Madankollu anke dawn it-testi jitolbu minnhom li jifhmu l-istorja, jaħsbu dwar karattri u jippruvaw jantiċipaw dak li se jiġri fl-istorja.

Għall-qarrejja ta’ livelli ogħla, ħafna minn dan l-ipproċessar isir b’mod awtomatiku. Dawn il-qarrejja jaqraw numru kbir ta’ kliem ġdid mingħajr wisq sforz. Waqt li jaqraw, jiffukaw fuq it-tifsir tat-test u jinvolvu ruħhom fi proċessi ta’ ħsieb aktar kumplessi (pereżempju jifhmu dak li l-kittieb jixtieq iwassal lill-qarrej mingħajr ma jgħidu, janalizzaw b’mod kritiku l-ideat tat-test, u jinnutaw aspetti differenti mill-ħila tal-kittieb). Madankollu, xi drabi, dawn il-qarrejja jkollhom bżonn jeżaminaw kelma bir-reqqa qabel jirnexxilhom jaqrawha, u jaqrawha mill-ġdid biex jirnexxilhom jagħmlu sens minn strutturi ta’ sentenzi kumplessi.

Il-qarrejja kollha jkunu qed jagħmlu użu minn varjetà ta’ strateġiji biex jipproċessaw il-kitba. It-tnax-il sistema strateġika jinkludu:

  • Jaqraw kliem billi jinqdew b’varjetà ta’ strateġiji b’mod flessibbli. Il-qarrejja bikrin ikunu għadhom qed jitgħallmu modi kif iħarsu lejn il-kliem, u jaħdmu bi ftit karatteristiċi tal-ittri u tal-kliem (relazzjonijiet sempliċi bejn il-ħoss u l-ittra u partijiet tal-kelma). Qarrejja f’livelli ogħla jinqdew b’firxa usa’ u aktar flessibbli ta’ strateġiji biex jaqraw il-kliem, li ħafna minnhom isiru inkonxjament, u b’hekk l-attenzjoni tagħhom tiffoka aktar biex jaħsbu aktar fil-fond.
  • Jagħtu kas tal-qari tagħhom għal aktar fehim u preċiżjoni kif ukoll awtokorrezzjoni meta jkun hemm bżonn. Il-qarrejja bikrin juru kontinwament sinjali li qed jagħtu ħafna kas tal-mod kif qed jaqraw u jikkoreġu ruħhom filwaqt li qarrejja f’livelli ogħla jaħbu din l-evidenza. Madankollu l-qarrejja l-ħin kollu jkunu qegħdin għassa u jiċċekkjaw lilhom infuqshom waqt il-qari.
  • Ifittxu u jużaw informazzjoni. Il-qarrejja fil-livelli bikrin kontinwament u b’mod espliċitu jfittxu għal informazzjoni fl-ittri u l-kliem, jew fl-istrutturi tas-sentenzi. Barra minn hekk jinqdew ħafna b’dak li diġà jafu.
  • Jiftakru informazzjoni fil-qosor. It-taqsir jimplika l-għażla u l-organizzazzjoni mill-ġdid ta’ informazzjoni importanti. Il-qarrejja kontinwament jagħmlu taqsir ta’ informazzjoni waqt li jaqraw, għaldaqstant jibnu tagħrif li jgħinhom jifhmu l-kumplament tat-test. Barra minn hekk jiftakru din l-informazzjoni fil-qosor għal tul ta’ żmien wara li jaqraw.
  • Il-konsistenza ta’ qari fluwenti u fi frażijiet. Fil-livelli bikrin (Gamblu, Vopa u Kaħlija) il-qarrejja jaħdmu biex iqabblu kelma waħda mlissna ma’ waħda miktuba u ġeneralment isegwu b’subagħhom il-kelma biex jiggwidaw lil għajnejhom u l-vuċi f’dan il-proċess. Madankollu anke fil-livell Mulett, meta jiltaqgħu mal-ewwel forma ta’ djalogu, jibdew jaqraw b’aktar espressjoni bħal-lingwa mitħaddta. Wara li subagħhom ma jibqgħux jużawh u joħdulu postu l-għajnejn fil-livelli li jsegwu, l-istudenti jibdew jaqraw testi li gradwalment isiru aktar kumplessi b’ħeffa, enfasi u pawsi xierqa. Fiha nnifisha l-fluwenza fil-qari mhix stadju jew livell. Il-qarrejja jinqdew bi strateġiji differenti b’mod integrat biex jaslu għall-qari fluwenti f’kull livell wara li jkollhom ħakma tajba tal-istrateġiji bażiċi.
  • Jaddattaw il-qari biex ikunu jistgħu jipproċessaw varjetà ta’ testi. Fil-livelli kollha, il-qarrejja jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-qari biex jaqraw kliem ġdid jew diffiċli u jkomplu bir-ritmu ta’ qabel, għalkemm f’livelli għoljin dan il-proċess aktarx isir bla ma jkun innutat. Il-qarrejja jirregolaw il-qari tagħhom billi jerġgħu jaqraw it-test, ifittxu grafika jew stampi, jerġgħu lura għal xi referenzi fit-test, jagħmlu użu minn għodod għall-qarrejja u l-bqija. Fil-livelli kollha, il-qarrejja jibdlu l-aspettattivi tagħhom u anke l-mod ta’ kif jaqraw skont il-bżonn, il-ġeneru, jew l-esperjenzi ta’ qari tagħhom. Fil-livelli bikrin, l-esperjenzi tal-qarrejja jkunu limitati imma f’livelli ogħla, il-qarrejja jkunu akkwistaw aktar esperjenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-għarfien tal-ġeneri differenti ta’ kitbiet.
  • **Jantiċipaw. **Fil-livelli kollha, il-qarrejja kontinwament jantiċipaw u jikkonfermaw jew le dawn l-antiċipazzjonijiet. Normalment dawn l-antiċipazzjonijiet ma jkunux imleħħna mill-qarrejja iżda jżidu mal-fehim u mal-gost tal-qari. Il-qarrejja kollha jagħmlu dawn l-antiċipazzjonijiet mill-informazzjoni li jkunu ġabru mit-test u mill-għarfien tagħhom stess.
  • Jagħmlu konnessjonijiet. Fil-livelli kollha, il-qarrejja jużaw l-għarfien tagħhom kif ukoll l-esperjenzi personali u t-tagħrif li jkunu ġabru minn testi oħra biex jinterpretaw it-test li jkunu qed jaqraw. Aktar ma l-esperjenza tal-qari tikber, il-qarrejja jakkwistaw aktar informazzjoni li tgħinhom jifhmu kwalunkwe test. Fl-aktar livelli għoljin il-qarrejja jkunu mistennija jifhmu ideat maturi u kumplessi u temi li ħafna drabi jmorru lil hinn mill-esperjenzi personali tagħhom. Madankollu jkunu kapaċi jempatizzaw mal-persuna grazzi għall-esperjenzi ta’ qari ta’ qabel.
  • Jissintetizzaw informazzjoni ġdida. Fil-livelli kollha, il-qarrejja jakkwistaw informazzjoni ġdida mit-testi li jaqraw, għalkemm il-qarrejja fil-livelli bikrin ikunu qed jipproċessaw testi dwar temi familjari ħafna. Huma u tilgħin fil-livelli li jsegwu, jibdew jiltaqgħu ma’ ħafna informazzjoni ġdida, u din tkompli tiżdied mal-għarfien li jkunu qegħdin jibnu.
  • Jaqraw bejn il-linji biex jaslu jifhmu dak li ma jkunx miktub direttament fit-test. Sa ċertu punt, it-testi kollha jeħtieġu xi ftit ta’ inferenza. Fil-livelli bikrin, il-qarrejja jistgħu jaħsbu dwar kif qed iħossuhom il-karattri (kuntenti, sorpriżi, imdejqa) jew dwar xi karatteristiċi tagħhom (bil-għaqal, xħaħ, kuraġġużi). F’livelli ogħla, il-qarrejja jridu kontinwament jaqraw bejn il-linji biex jifhmu testi fittizji u reali.
  • Jaħsbu b’mod analitiku dwar test biex jinnutaw it-tifsila tiegħu jew kif l-awtur qed iħaddem il-lingwa. Meta l-qarrejja jaħsbu b’mod analitiku jfisser li jkunu qegħdin jirriflettu fuqu, jeżaminawh, u jaslu għal xi konklużjonijiet dwaru. Il-qarrejja fil-livelli bikrin jistgħu jgħidu li t-test kien umoristiku jew eċitanti; madanakollu, dawn ma jinvolvux ruħhom f’analiżi profonda tat-test. Il-qarrejja f’livelli ogħla jkunu kapaċi jinnutaw kif il-kittieb (u/jew l-illustratur) organizza t-test u ħaddem il-lingwa.
  • Jaħsbu b’mod kritiku dwar it-test. Din tinvolvi l-qarrejja jaħsbu f’modi kumplessi biex jevalwaw it-test. Qarrejja fil-livelli bikrin jistgħu sempliċiment jitkellmu dwar dak li għoġobhom jew m’għoġobhomx f’test partikolari, u xi drabi jkunu ftit speċifiċi dwar l-għaliex ikun għoġobhom jew le. Fil-livelli li jsegwu l-qarrejja jinvolvu ruħhom f’livelli ta’ ħsieb ogħla u jaslu biex jevalwaw il-kwalità jew l-awtentiċità ta’ test u din it-tip ta’ analiżi aktarx li żżid mal-gost tal-qari.

    Sistemi ta’ pjanar strateġiku

    Il-qofol tal-iskala Qadfa ’l Fuq huwa deskrizzjoni tal-aspettattivi tal-qarrejja fil-mod ta’ kif jaħsbu f’livelli partikolari.

Field Description
First column fields Some descriptive text. This is a markdown link to Google. Or see [some link][mydoc_tags].
Second column fields Some more descriptive text.